Ċirkulari Festa ta’ Missierna San Franġisk

Ħuti għeżież,  Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!

Sabiex insiru dak li aħna msejħin inkunu! 

“U bl-ubbidjenza nikkmanda bil-qawwa lill-aħwa kollha, kjerċi u lajċi, li ma jżdu l- ebda’ kumment mar-Regola lanqas ma’ dan il-kliem, u jgħidu li hekk għandhom jiftiehmu. Imma, kif il-Mulej tani l-grazzja li nitkellem u nikteb ir-Regola u dan il-kliem b’mod sempliċi u ċar, hekk ghandkom tifhmuh b’mod sempliċi u bla tifsir u tħarsuh bil-mod qaddis tal-ħajja li tgħixu sa l- aħħar”. 

Fil-kotba Imqaddsa insibu erba’ Evanġelji. L-istess Art Imqaddsa insejħulha wkoll il-Ħames Evanġelju. Imma qabel dawn kollha hemm Evanġelju ieħor. Mhux daqstant dak li ħabbar Ġesu’ bil-kelma Tiegħu imma dak li kien Ġesu’ bil-Persuna Tieghu. Gesu’ kien huwa stess l-Evanġelju Ħaj, il-Kelma Hajja li saret demm u laħam u li tibqa’ sseħħ kull darba li nisimgħuha! Ġesu’ ma xandarx biss il-Bxara it-Tajba. Kien Hu stess din i-Bxara Tajba. Hekk fehem u hekk għamel Missierna San Frangisk – sar hu wkoll Bxara Tajba, tant li gie msejjaħ “Alter Chrtistus” – Kristu Ieħor. U hekk imsejħin biex insiru aħna, kull wieħed minna – Kristu Ieħor! Dan huwa l-Ħolqien Ġdid imnezza minn kull egoiżmu, kull ego ċentriżmu, minn kull suppervja, minn kull ebbusija tal- moħħ u tal-qalb, minn kull sens ta’ protagoniżmu u mis-sindromu ta’ “prima donna” fuq l-altari taghna! Kull wieħed minna huwa msejjaħ sabiex ikun bniedem li ma jħallix in-natura tmexxih imma l-Ispirtu (Gal 5, 16ss). 

“U kull min iħares dan kollu ħa jkun mimli fis-sema bil-barkiet tal-Missier l-Aktar Għoli, u fuq din l- art bil-barkiet ta’ Ibnu l-maħbub u ta’ l-Ispirtu s-Santu Paraklitu, u bil-Qawwiet kollha tas-Sema u l-Qaddisin kollha. U jien, iċ-ċkejken Fra Franġisk, qaddej tagħkom, kemm nista’, inwettaq fikom din il-barka l-aktar qaddisa minn ġewwa u minn barra”. Hekk temm it-testment spiritwali tiegħu Missierna San Franġisk. Din għandha tkun għalina l-unika raġuni u skop għaliex aħna għandna ngħixu b’fedelta’ is-sejħa tagħna, jiġifieri: mhux daqstant il-ħarsien tal-kelma għaliha nnisfiha u allura vojta mill-Ispirtu, imma il-konsegwenza, il-premju li dan il-ħarsien iġib miegħu – jiġifieri li nsiru Ħolqien Ġdid! Kif naqraw fit-Tieni Qari tas-Solennita’ ta’ Missierna San Franġisk, “ma hemm xejn ta’ siwi hlief li nkunu ħolqien gdid!” 

F’din l-aħħar sena tiegħi bħala Ministru Provinċjal u Qaddej tagħkom nixtieq għal darb’ oħra bl- ikbar qawwa possibbli nwissi u nħeġġeġ lil aħwa kollha sabiex inħarsu fedelment il-kelma li tajna fil-professjoni solenni tagħna u ngħixu tabilħaqq ir-Regola u l-Ħajja tal-Ordni tagħna billi ngħixu l-Evanġelju Imqaddes ta’ Sidna Gesu’ Kristu, fl-Ubbidjenza, bla xejn tagħna u fil-Kastita’! F’kelma waħda ngħixu lil Kristu! Nħalluha din il-Kelma tagħmel minna lkoll Kristu Iehor! Fl-aħħar min l- aħħar dan biss huwa ta’ siwi u xejn aktar. Il-kumplament huwa kollu frugħa. Il-proġetti kbar u zgħar, t-taħbit u l-inwkiet, u kull xogħol ieħor importani kemm huwa importanti, ikun kollu għal xejn jekk ma nkunux, jekk ma nsirux Holqien Gdid! Ikolli ngħid u nagħmel tiegħi il-kliem tal- Qaddis Missier tagħna San Franġisk fil-mument tat-tluq tieghu minn din id-dinja, li jeħtieġ li nibdew nagħmlu xi ħaġa, “għax tassew s’issa għadna ma għamilna xejn”! 

Dan qiegħed nawgura minn qalbi lilna lkoll, lil kull wieħed minna, meta nkun qiegħed ngħidilkom “il-Festa t-Tajba” – li j’Alla ahna nsiru dak li msejhin inkunu – Ħolqien Ġdid – Bniedem Ġdid – Kristu Ieħor! 

Mogħtija ‘llum 17 ta’ Settembru, 2019 Festa tal-Għoti tal-Pjagi ta’ Missierna San Franġisk.

P. Richard Stanley Grech ofm 

Ministru Provinċjal u Qaddej tagħkom 

Top