Developing Environmental Responsibility

Il-Provinċja Franġiskana ngħaqdet flimkien maċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Edukazzjoni Ambjentali tal-Università ta’ Malta, u l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent biex ġie organizzat kors dwar ħajja sostenibbli. L-għan tal-kors ‘Developing Environmental Responsibility’ kien li jgħin lill-parteċipanti jifhmu xi jfisser tkun aktar sostenibbli fil-mod kif tgħix, fil-ħajja tiegħek personali u fil-komunità.

Is-sessjonijiet kienu ta’ sagħtejn kull waħda u kienu jsiru l-Ħadd wara nofs in-nhar, bejn l-20 ta’ Jannar u l-10 ta’ Marzu, 2019, ġewwa razzett li għadu kemm ġie restawrat u li jagħmel parti mill-kumpless taċ-Ċentru Franġiskan f’Baħar iċ-Ċagħaq. Sabiex jintlaħqu aktar il-familji, kien hemm ukoll min jieħu ħsieb it-tfal; u għal min xtaq kien hemm l-opportunità ta’ ċelebrazzjoni tal-quddiesa (fil-kappella antika ta’ San Ġwann l-Evanġelista) u l-ikla ta’ nofs in-nhar. Il-kors ġie provdut mingħajr ħlas u għalih attendew 18-il persuna.

Din l-inizjattiva tagħmel parti minn sforz biex il-Franġiskani Maltin iwieġbu għas-sejħa insistenti li d-dinja, il-Knisja u l-Ordni qedin jagħmlu biex il-bniedem isir aktar konxju mir-responsabbiltà tiegħu li jieħu ħsieb din ‘id-dar komuni tagħna’, kif isejħilha Papa Franġisku. Il-kors jagħmel parti minn proġett aktar wiesa’ li permezz tiegħu l-patrijiet qed jingħataw l-opportunità li jħaddnu magħhom b’mod viżibbli l-kunċett ta’ ekoloġija integrali.


Top