Fil-ħarġa ta’ FLIMKIEN ta’ Ġunju P. Dijonisju jgħati intervista interessanti fuq dak li ġara meta laqa’ il-Papa għandu fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far.
“Hemm Patri Franġiskan ta’ 91 sena u xorta qed ikompli jaħdem (mal-migranti), bl-għajnuna tal-kollaboraturi tad-Djoċesi. Huwa xempju ta’ żelu appostoliku u ta’ mħabba lejn il-migranti, li llum tant għandna bżonn minnhom.” Hekk qal il-Papa Franġisku dwar Patri Dijonisju Mintoff OFM li jmexxi l-Laboratorju tal-Paċi. Il-Papa żar dan iċ-Ċentru li jilqa’ fih numru ta’ migranti fiż-żjara tiegħu f’Malta f’April li għadda. Il-Flimkien iltaqa’ ma’ Patri Dijonisju u tkellem miegħu dwar diversi temi.
Kemm aħna qrib xulxin?
Li naħdem mal-migranti ma kinitx il-ħolma ta’ żogħżiti. L-għażla tas-superjuri tiegħi kienet li nkun għalliem u għamilt 44 sena involut fl-edukazzjoni. Madankollu, il-fqar dejjem kien għal qalbi għax hekk kont imdorri sa minn ċkuniti.