Il-Milied it-tajjeb

Ifirħu dejjem fil-Mulej, nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafu biha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob. Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù (Fil 4,4-7).

Ħuti għeżież,

Dawn il-kelmiet mill-Ittra lill-Filippin, li l-Knisja tagħżilhom bħala tema għal-liturġija tat-3 Ħadd tal-Avvent, għandhom ikunu ta’ kuraġġ u tama għalina lkoll f’dan iż-żmien sabiħ li fih inhejju ruħna għall-Milied. L-ewwel insara kienu konvinti li l-Mulej Ġesù kien dalwaqt se jerġa’ jiġi fil-glorja tiegħu, u kienu jħarsu lejn is-sinjali taż-żminijiet fid-dawl tal-fidi.

F’dinja li tilfet kull sens ta’ fidi fil-ħarsa kollha stagħġib quddiem il-misteru ta’ Alla li jsir Tarbija, aħna bħala insara u bħala Franġiskani, għandna nibqgħu nishru u nitolbu, mimlijin ferħ u tama, għax nafu li dak li jiġri madwarna hu sinjal tal-preżenza ta’ Kristu fl-istorja tagħna.

Din is-sena l-Milied se ngħixuh xi ftit differenti mis-soltu. Għal bosta minna se jkun Milied li fih se jkollna niċċaħħdu minn okkażjonijiet soċjali u familjari li tant huma għeżież għalina f’dan iż-żmien. Il-pandemija għadha magħna u tnissel fina xi ftit tal-biża’, imma dan ma jfissirx li ma għandniex nifirħu fil-Mulej u nistennewh bit-tama u bil-fidi. Anzi, forsi proprju minħabba din is-sitwazzjoni li qed ngħixu, se jkollna aktar ħin biex nieqfu u nikkontemplaw il-presepju b’għajnejn ta’ fidi. Ħin biex nintebħu bis-sens veru tas-solitudni li tant bnedmin isofru, fosthom persuni li nafu, anzjani, morda, persuni li jitħabtu waħedhom mal-problemi tal-ħajja. Issa hu ż-żmien li nikkontemplaw il-presepju li fih hemm post għal dawn il-persuni. Jalla jkollna l-għajnejn safja ta’ mħabba kontemplattiva li kellha Marija quddiem it-Tarbija li ġiebet fid-dinja. Jalla jkollna l-fidi siekta u ubbidjenti ta’ Ġużeppi, li jibqa’ jittama u jemmen minkejja li kien diffiċli għalih jifhem il-misteru ta’ dik it-Tarbija li laqagħha Patris Corde, b’qalb ta’ missier.

L-awguri tiegħi lilkom u lill-għeżież tagħkom f’dan il-Milied hu li jkollna dan il-ferħ u din it-tama. Insellem b’mod speċjali lill-aħwa anzjani u morda tagħna, lil dawk kollha li jħossuhom waħedhom għal elf raġuni, u lil dawk li għaddejjin minn xi tbatija. Ejjew nifirħu fil-Mulej. Hu ma jħalliniex waħedna. Ġej biex isalvana minna nfusna, mid-dinja magħluqa li xi kultant ngħixu fiha, biex jiftħilna orizzonti sbieħ ta’ tama fis-sens ġenwin tal-ħajja li għażilna li ngħixu minn rajna fuq l-eżempju ta’ San Franġisk Missierna.

Jalla l-barka tal-Prinċep tal-Paċi li twieled f’Betleħem tal-Lhudija timla lilkom ilkoll bit-tama u l-ferħ fil-jum tal-miġja tiegħu.

P. Twanny Chircop OFM
Ministru Provinċjal

Top