P. Noel Muscat reġa’ lura Malta wara tliet xhur fl-Indja fejn mar bħala Viżitatur Ġenerali tal-Provinċja Franġiskana ta’ S. Tumas Appostlu. Il-Viżta saret bejn is-16 ta’ Ġunju u l-11 ta’ Settembru. Matul dan iż-żmien P. Noel iltaqa’ personalment ma’ aktar minn 108 patri, 52 studenti u 9 novizzi tal-Provinċja u dar 30 kunventi, li ħafna minnhom huma wkoll parroċċi u għandhom skejjel jew stazzjonijiet missjunarji.
Il-kunvent ċentrali hu dak ta’ Bangalore, imma l-Provinċja għandha kunventi mxerrdin man-nofsinhar kollu tal-Indja fl-istati ta’ Karnataka, Andhra-Pradesh, Tamil-Nadu, Telangana u Kerala. Hemm ukoll il-Fondazzjoni ta’ S. Franġisk fl-istati ta’ Assam u Meghalaya, fil-grigal tal-Indja. Il-Provinċja għandha wkoll Kustodja dipendenti iddedikata lil Marija Omm Alla, li tkopri r-reġjuni ta’ Goa, Mumbai u t-tramuntana tal-Indja. Minħabba l-kobor ta’ dan is-subkontinent din il-Kustodja kellha Assistent Viżitatur fil-persuna ta’ P. Michael D’Cruz, minn Singapore.
P. Noel issa jrid imur lura l-Indja fil-11 ta’ Novembru biex jippresjiedi l-Kapitlu Provinċjali li se jsir f’Bangalore bejn l-14 u d-19 ta’ Novembru, u li fih jiġi elett il-Ministru Provinċjal. Wara l-Kapitlu mbagħad P. Noel jibqa’ l-Indja għall-Kungress Kapitulari. Hu mistenni jirritorna Malta fid-9 ta’ Diċembru wara waqfa ta’ 3 ijiem f’Ċipru.









