Il-Milied hu l-festa tal-umiltà ta’ Alla fl-umanità tagħna l-bnedmin. San Franġisk kien iħares lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni taħt id-dimensjoni ta’ dan l-atteġġjament ta’ umiltà u sempliċità li għandhom jimmarkaw l-identità tagħna bħala aħwa u minuri.
L-Ordni tagħna, fid-dokument finali tal-Kapitlu Ġenerali, jistedinna nirriflettu bis-serjetà fuq din l-identità li nġibu fl-isem tagħna ta’ fratres minores. Dan mhux unur, imma programm ta’ ħajja ta’ servizz umli u mimli mħabba. Kristu ġie fid-dinja biex jagħtina dan l-eżempju u joħloq fraternità li tinbena fuq il-minorità. Inħoss li l-kliem ta’ San Franġisk, li hu kitbu lill-Insara kollha, jgħodd b’mod speċjali għalina. Aħna msejħin biex nibnu l-familja ta’ Ġesù Kristu, billi nkunu għarajjes, aħwa u ommijiet. F’kelma oħra aħna msejħin biex nibnu relazzjonijiet ta’ mħabba, biex ngħixu bħal aħwa, u biex innisslu l-ħajja bil-ħlewwa materna, proprju kif għamlet il-Verġni Marija meta welldet lil Ġesù fil-faqar ta’ Betleħem.
Jekk dawn il-kelmiet huma tant importanti għall-Insara kollha, jekk aħna nippriedkawhom f’dawn il-ġranet fil-ministeru tagħna, dan ifisser li aħna rridu nkunu l-ewwel nies li ngħixuhom konkretament. Qabel kull proġett li nagħmlu bħala fraternità lokali jew provinċjali, irridu nikkultivaw il-proġett tal-bini ta’ relazzjonijiet b’saħħithom bejnietna. Dan nagħmluh biss jekk nifhmu li rridu nikkultivaw id-dimensjoni spiritwali tal-ħajja tagħna flimkien. Dan jitlob sforz u sagrifiċċju. Jitlob fidi fil-qawwa ta’ Kristu li jibnina bħala familja. Ejjew ma nibżgħux mill-isfida. Ejjew nemmnu fil-grazzja li tfejjaq il-weġgħat personali tagħna li jimblukkaw il-viżjoni ta’ apertura lejn l-aħwa l-oħrajn. Ilkoll għandna l-weġgħat tagħna, u nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li niġġustifikaw ċertu atteġġjamenti minħabba dak li sofrejna, iżda b’maturità u b’xewqa li nfiequ għandna nitolbu l’Alla jgħina nintrefaw minna nfusna u naħfru.
Bħal omm li tinsa’ kull weġgħa li ġġarrab biex iżomm il-paċi fil-familja. Bħal missier li jħaddem l-awtorità paterna b’tali mod li jinvolvi lil uliedu f’ubbidjenza libera u attiva. Bħal aħwa li jinħabbu u jippruvaw iqiegħdu fil-ġenb dak li mhux prijoritarju, basta jħarsu l-għaqda bejniethom.
L-awgurju tiegħi lilna lkoll f’dan il-Milied hu li nintrefgħu mill-biża’ minn xulxin, li ma nħallux l-immaturità umana ixxekkel ir-relazzjonijiet ġenwini li għandna nikkultivaw biex ninbnew bħala aħwa u minuri. Dan hu l-veru proġett ta’ ħajjitna. Jalla naċċettawh bil-ferħ. Jiena nħossni fid-dmir li nsostni kull sforz pożittiv biex ninbnew flimkien fir-relazzjoni tagħna ma’ Kristu kif iridna San Franġisk. Għal dan il-għan inħabbar li fix-xahar ta’ Frar se nagħmel viżta fraterna fil-kunventi tagħna, biex niltaqa’ ma’ kull wieħed mill-aħwa u mal-aħwa flimkien. Il-prijorità ta’ bżonnijiet personali ma tistax teżisti mingħajr riferiment għall-prijoritajiet tagħna bħala aħwa u minuri.
Minn qalbi nawgura lilkom u lill-għeżież tagħkom Milied mimli paċi u sena ġdida ta’ barka, li fiha nkabbru l-kuraġġ li nfiqu mill-vera pandemija li tista’ teqridna, jiġifieri min-nuqqas ta’ mħabba. Jien konvint mir-rieda tajba ta’ kull wieħed minna u nemmen li dak li beda din l-opra tajba tal-vokazzjoni tagħna bħala aħwa u minuri jwassalha għat-tmiem.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem.
Mogħtija mill-Kurja Provinċjali, il-Belt Valletta, illum 20 ta’ Diċembru 2021.
P. Anthony Chircop OFM
Ministru Provinċjal
P. Ramon Farrugia
Segretarju Provinċjali