Ċelebrazzjoni tal-Kapitlu tal-Ħsajjar

L-Aħwa kollha tal-Provinċja Franġiskana Maltija ta’ San Pawl Appostlu ġew imsejjħa mill-Ministru Provinċjal P. Richard Stanley Grech, sabiex jingħaqdu flimkien għall-Kapitlu tal-Ħsajjar bejn it-23 u l-25 ta’ Jannar 2019 ġewwa ċ-Ċentru Franġiskan, Baħar iċ-Ċagħaq. Dan il-Kapitlu għandu l-iskop prinċipali li jkun ta’ tħejjija spiritwali għall-proċess li se jwassal lill-Aħwa għal-Kapitlu Provinċjali tas-sena d-dieħla. Huwa ukoll opportunità sabiex tiġi iċċelebrata l-fraternità, peres li se jingħaqdu mal-Aħwa li jservu Malta xi wħud mill-Aħwa li jagħtu servizz il-Kanada, Ruma l-Ingilterra u se jkun fostna ukoll Mons. Isqof George Bugeja OFM minn Tripli, il-Libja.

It-tema ta’ dan il-Kapitlu hija IFIRĦU U THENNEW… iftħu qalbkom u għannqu lill-lebbrużi ta’ żminijietna, tema li tgħaqqad flimkien l-isem tal-Eżortazzjoni Apostolika ta’ Papa Franġisku li ħarġet is-sena li għaddiet ma silta mid-diskors tal-Papa lill-membri tal-1 Ordni Franġiskan waqt udjenza fl-2017. Se jmexxi il-konferenzi ta’ dan il-Kapitlu, Dun Daniel Xerri, Arċipriet tal-Parroċċa tax-Xewkija, Għawdex.

Il-Kapitlu jintemm fil-festa tal-Provinċja li hi il-Konverżjoni ta’ San Pawl, u għall-Quddiesa tal-għeluq ġew mistiedna ikunu preżenti is-Sorijiet Klarissi. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u Mons. Joseph Galea Curmi se jingħaqdu mal-Patrijiet u s-Sorijiet għall-ikla fraterna li permezz tagħha jiġi fi tmiemu dan il-Kapitlu tal-Ħsajjar.

Ingħaqdu mal-Provinċja tagħna fit-talb sabiex dan ikun mument ta’ grazzja, mument ta’ tiġdid, li jkompli jqawwilna fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.

Top