Fid-9.00am kien mument sabih ħafna fejn l-Aħwa ltaqgħu flimkien u fid-9.30am inġbarna fil-Kappella ta’ San Damjan għall-Adorazzjoni. Is-setup oriġinali tal-Artal ħolqilna ambjent tajjeb ħafna biex wieħed jinġabar jitlob. Qabel il-Barka Sagramentali, Il-Ministru Provinċjal Patri Richard S. Grech ofm għamel kelmtejn fejn qalilna li ppreżenta lil kull wieħed minna quddiem Ġesu’ Sagramentat. Ħalliena nirriflettu fuq is-silta: “Tħallux qalbkom titħawwad……. emmnu fija’’. Għax il-preżenza tal-Mulej mhijiex passiva iżda attiva! Fl-10.30am P.Ramon Farrugia ofm ta’ Merħba lil kulħadd hekk kif inġbarna fis-Sala Frate Francesco. Imbagħad introduċa lil Dun Daniel Xerri, il-mistieden ewlieni, l-Arċipriet ta’ San Ġwann, ix-Xewkija, Għawdex.
Fl-Ewwel Konferenza tiegħu, Dun Daniel wera l-kapaċita’ tiegħu kif ippreżenta s-silta tal-Missjoni tat-72 Dixxipli (San Luqa, Kap.10: 1-20). “Il-ħsad huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit….. ifirħu għax għax għandkom isimkom miktub fis-sema’’.
Qalilna li aħna l-Franġiskani għamilna bħal dawn id-dixxipli. Inġbarna f’dan il-Kapitlu bħala mument ta’ grazzja biex immorru għall-oriġini tagħna li hu Kristu, nerġgħu npoġġu l-għeruq tagħna fiH, niskopru l-ġmiel tiegħu u niskopru l-ġmiel tal-kariżma tal-Fundatur tagħna. Ma ninħlewx fuq is-suċċessi jew il-fallimenti tagħna. Iżda nitolbuh il-ħelsien interjuri. Ħeġġiġna biex nagħmlu paċi mal-istorja tagħna billi jkollna helsien interjuri jekk irridu niksbu enerġija ġdida.
Biex iseħħilna nagħmlu dan irridu:
- Noffrulu kollox: Billi naraw x’hemm f’ħajjitna, f’hiex qedin bħala Provinċja, bħala Ordni Franġiskan u bħala Knisja. Inneħħu l-pessimiżmu minn ħajjitna. U kif intqal fil-Kunsill Plenari tal-Ordni, jeħtieġ li l-imgħoddi jkun għalina dawl għall-ġejjieni.
- U nerġgħu niffokaw fuq Kristu: Biex minnu nixorbu enerġija ġdida. Għalhekk hu meħtieġ li nagħmlu Att ta’ Fidi fiH. “Għax ma dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id d’id’’. Meta nafdaw lil Alla, hu kapaċi jintervjeni b’modi ġodda. Insista li lkoll irridu nsibu iktar ħin għalih. Filwaqt li kien f’waqtu li nerġgħu nisimgħu l-kliem tal-Ministru Ġeneral li qalilna: “We are called to our original passion. And listen to the spirit with the original passion!’’
- Il-konklużjoni tiegħu kienet li l-Ispirtu qaddis biss jista’ jerġa’ jħeġġeġ fina l-qawwa ta’ Kristu.
Fil-11.30am kellna break u wara, Dun Daniel ippreżenta Kapitlu 4 tal-Eżortazzjoni “Ifirħu u Tħennew għax ħlaskom kbir fis-smewwiet’’. It-tlett Eżortazzjonijiet ta’ dan il-Papa għandhom bħala tema: “il-Ferħ’’!
Ir-4 Kapitlu joffri wkoll xi tips jekk irridu nikbru fil-Qdusija vera u mhux dik falza! Dan isir billi nkunu kapaċi nissaportu bis-sabar u bl-imħabba minflok ma nkun aggressiv u egoċentriku. Billi nrawwem fija sens ta’ umoriżmu u ferħ għax aħna frott tal-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’. Billi bil-kuraġġ kollu noħorġu naqdfu l-barra fil-fond. Il-qdusija trid tiġi mgħixha fil-kommunita’ għax hija mixja flimkien. L-istess bħalma mxew flimkien it-72 dixxiplu u bħalhom, San Franġisk. Hu għalhekk meħtieġ li fil-komunitajiet tagħna noħolqu opportunatijiet biex nitqaddsu flimkien. Jissiġilla kollox it-talb li ma jaqtax. Għax il-qaddis huwa l-bniedem li ma jgħaddix mingħajr Alla.
Dun Daniel ikkonkluda billi kkwota lil Papa Franġisku li x-xewqa tiegħu hija dik li lkoll nixxenqu għall-qdusija. Hu għalhekk li rridu nirrikorru għand l-Ispirtu s-Santu għax hu jagħtina ferħ illi d-dinja ma tistax teħodulna!
Il-Ministru Provinċjal ikkonkluda billi rringrazzja lil Dun Daniel li mess ħafna kordi li jistgħu jgħinuna biex nitqaddsu flimkien. Saru wkoll xi interventi minn xi aħwa. P. Ramon Farruġia irringrazzja lil kulħadd u għaddejna għas-Sala tal-ikel fejn qsamna flimkien ikla tajba.
Konferenza minn Dun Daniel Xerri
Preżentazzjoni ta’ Kapitlu 4 minn “Ifirħu u thennew” minn Dun Daniel Xerri