Il-Franġiskani jieħdu sehem fi protesta kontra l-iżvilupp bla rażan.

Nhar it-Tlieta, 18 ta’ Ġunju, numru ta’ Għaqdiet Mhux Governattivi ngħaqdu mal-Moviment Graffitti u għadd ta’ residenti fi protesta kontra l-‘ħakma tal-iżviluppaturi’ fil-Gżejjer Maltin. Il-protesta ġiet organizzata fid-dawl tal-inċidenti li seħħew riċentement fejn numru ta’ djar ċedew minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kien qed isir biswithom. Il-protesta bdiet quddiem l-Isptar San Luqa u mxiet sa quddiem il-kwartieri tal-Malta Developers Association fi Gwardamangia. F’isem il-Franġiskani ħa sehem Fr Mark Ciantar OFM. Fi tmiem il-protesta, dawk li ħadu sehem għamlu dawn it-talbiet:

  1. Li jieqfu l-ibbulljar u l-arroganza bla qies tal-iżviluppaturi fuq ir-residenti.
  2. Li l-Awtoritajiet ma jagħtux iktar permessi bl-addoċċ, anzi jillimitaw in-numru ta’ permessi li jinħarġu kull sena.
  3. Li l-ħinijiet li fihom isir bini u skavar ikunu aktar ristretti u jkun limitat in-numru ta’ toroq li jingħalqu, kif ukoll in-numru ta’ parkeġġi li jittieħdu mingħand ir-residenti.
  4. Li l-liġi timponi standards diċenti li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti u tal-ħaddiema fuq siti tal-kostruzzjoni.
  5. Li jsir infurzar bis-serjetà u mingħajr eċċezzjoni tal-liġijiet li jikkontrollaw il-kostruzzjoni, sabiex tingħata protezzjoni u dinjità lill-ħaddiema u lir-residenti.
  6. Li tittieħed responsabbiltà għal dan l-isfreġju li qed isir fil-pajjiż speċjalment meta jsiru inċidenti bħal ma diġà seħħew. 
Top