Ordinazzjoni Episkopali ta’ Patri Sandro Overend Rigillo OFM

Nhar it-Tlieta 22 ta’ Awwissu Mons. Sandro Overend Rigillo ġie kkonsagrat isqof min-Nunju Apostoliku Mons. Savio Hon Tai-Fai, Mons. Charles Jude Scicluna u Mons. George Bugjea.

Fl-omelija, in-Nunzju Apostoliku rrifletta li l-“fiat” ta’ Marija fissret trasformazzjoni sħiħa għal ħajjitha. Immarkat il-programm ta’ ħajjitha, li tilqa’ l-Kelma tal-Mulej u tħallih iwettaq ir-rieda tiegħU ġewwa fiha. Huwa irringrazzja lil patri Overend li laqa’ s-sejħa li Alla għamillu u diġà ħalla l-frott fil-ħidma li qiegħed jagħmel fil-Knisja ta’ Benghazi.

Fl-aħħar taċ-ċelebrazzjoni Mons. Sandro Overend Rigillo appella biex inħallu lill-Mulej ikellimna, jissorprendina u nkunu lesti li nħallu l-pjanijiet tagħna biex nilqgħu l-istorja li Hu jixtieq imexxina fiha. Stqarr li hu kellu l-pjanijiet tiegħu ta’ kif jispiċċa s-sena 2023 iżda f’Ġunju l-Mulej issorprendih bis-sejħa ta’ Vigarju Apostoliku u għażel li jbiddel il-pjanijiet tiegħu u jibda jikteb il-paġna ġdida li l-Mulej xtaq minnu.

Jalla iktar żgħażagħ jagħrfu jagħmlu l-istess, jisimgħu s-sejħa li Alla jagħmlilhom u jkunu kapaċi jpoġġu l-pjanijiet tagħhom fil-ġenb u jħallu lil Alla jikteb l-istorja li Hu jixtieq għalihom.

Top