The Letter

Il-kummissjonijiet Interdjoċesana Ambjent u Ġustizzja u Paċi, f’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Franġiskani, qed jorganizzaw attività biex ifakkru l-Istaġun tal-Ħolqien 2023. Biha huma ser ikunu qed jingħaqdu ma’ numru ta’ knejjes insara fid-dinja kollha li bejn l-1 ta’ Settembru u l-4 t’Ottubru ta’ kull sena jfittxu li jqajjmu kuxjenza favur l-għożża tal-Ħolqien.


F’Malta, din is-sena l-attività ser tkun iffukata fuq id-dokumentarju “The Letter: A Message for our Earth”. F’dan id-dokumentarju, ħames persuni mill-erba’ rkejjen tad-dinja – Senegal, foresta tal-Amażonja, Indja u Ħawaj – jivvjaġġaw lejn Ruma biex jiltaqgħu mal-Papa Franġisku. Huma jaqsmu miegħu l-esperjenzi tagħhom ta’ kif qed jirrispondu b’tama u determinazzjoni għall-kriżi ambjentali li qed tħalli impatt qawwi fuq il-komunitajiet tagħhom.

Il-programm jinkludi ħin ta’ talb fil-bidu, ħin għad-diskussjoni u mistoqsijiet wara li jintwera d-dokumentarju, u bibita fl-aħħar.

Din l-attività ser issir il-Ġimgha 29 ta’ Settembru, il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli, Baħar iċ-Ċagħaq, bejn is-19:00 u l-22.30.

L-attività ser tkun bla ħlas, imma jiġu apprezzati donazzjonijiet biex jittaffu l-ispejjeż.

Top